Diskors minn Dr Charles Pace Ph.D. Lettur, Universita ta’ Malta u Membru, tal-Core Group, Malta Unborn Child Platform fiċ-Ċelebrazzjoni ta’ Jum il-Ħajja li saret il-Ħadd 4 ta’ Frar 2024 fil-Konkattidral ta’ San Ġwann.
——————————————————————————————————————————-
Tafu, dal-aħħar erba’ snin, liema kienet il-kawża tal-iktar imwiet fid-dinja?
Kienet l-abort.
Ftit ilu, wieħed editur qalli li spiss jgħidulu, li min hu kontra l-abort ma għandux kompassjoni.
Ngħiduha kif inhi, kif tista’ ma tħennx għall-omm bit-tfal li tħoss li la l-finanzi u lanqas saħħitha ma jifilħu aktar piż? Kif ma tħossx għat-tfajla li tibża’ li tqala tħarbtilha l-istudji u l-karriera? X’itgħid għat-tfajla li taqqalha raġel li jaħqarha? Jew il-mara li taf li iktar sa tgħaddiha lixxa mill-ilsna tal-oħrajn, jekk tagħmel abort baxx baxx, milli jekk tagħti t-tarbija għall-adozzjoni.
Il-kompassjoni hi meta tħoss għal dak jew dik li tkun. Il-kompassjoni hi qariba tal-empatija: meta int tħoss fik innifsek x’iħoss xiħadd ieħor. L empatija hi spiss dik li ġġegħelna nħennu u ngħinu lil min hu muġugħ jew magħfus, irrabjat jew frustrat.
Imma kif tista’ ma jkollokx kompassjoni wkoll lejn it-tarbija li ġejja? Meta xiħadd imut żgħir, nitħassruh mhux biss jekk kien muġugħ, imma wkoll għas-snin ta’ ħajja li tilef, jew li tilfet. U jekk din il- mewt ikun ġabha ħaddieħor, inqisu li, dan il-ħaddieħor, dawn is-snin ta’ ħajja, ikun seraqhomlha. U l-abort dan li jġib lit-tarbija: jisirqilha s-snin ta’ ħajja li kienu lesti għaliha.
Għaliex dawk ta’ favur l-abort spiss ifaħħru l-kompassjoni lejn l-omm u ma jridux jisimgħu b’kompassjoni għat-tarbija? Għaliex jgħidu li favur id-drittijiet tal-bendmin, imma ma jridux jisimgħu bit-dritt tal-bnedmin qabel ma jitwieldu? Għaliex jaċċettaw li hu reat meta tagħmel att li hemm iċ-ċans li joqtol lil xiħadd, imma jċaħħdu lil min għad ma twelidx minn dil-protezzjoni? Kif l-ewwel jippridkaw l-inklużjoni, u mbagħad jeskludu lil min hu l-iktar dgħajjef? Għaliex jitkażaw b’min jiċħad li l-klima qed tinbidel, u mbagħad jiċħdu li fit-tqala hemm individwu uman, qed jiżviluppa quddiemhom?
Il-kompassjoni tfisser ħniena lejn il-bżonnijiet ta’ kulħadd, bla esklużjoni. U m’hijiex kompassjoni dik li ċċedi għal li tħoss issa u tgħammad għajnejk għall-uġiegħ li se ġġib għada, jew tinjora x’se tisraq mingħand ħaddieħor. Il-kuxjenza ma għandhiex tħallik taqa’ fid-diskriminazzjoni, jew toħroġ b’argumenti li jinqalbu rashom ’l isfel meta ssib l-iebes. Il-kuxjenza, kemm jekk inti Nisrani kemm jekk m’intix, ma għandhiex tħallik l-ewwel tiftaħar li inti r-realta’ tiffaċċjaha, biex imbagħad, tara li xiħadd se jinħaqar, u tħares in-naħa l-oħra.
Mela kif nipprattikkaw kompassjoni bilanċjata, bla diskriminazzjoni u sinċiera? L-ewwel, b’ebda mod ma nabbandunaw il-liġi li tħares il-ħajja. Imma min jinforza l-liġi għandu jifhem id-diffikultajiet, u jagħraf il-każi fejn għandu jressaq iktar lejn ir-riabilitazzjoni milli lejn il-piena. Irridu ngħallmu u naħdmu biex niffrankaw minn qabel it-tqaliet li mhux żmienhom. U l-ommijiet u l-familji iffaċċjati minn tqala diffiċli, irridu nagħmlu dmirna magħhom. Mhux sew li l-mara titgħabba bil-piż u r-raġel le, u s-soċjetà le. Mhux sew li s-soċjeta’ l-ewwel twebbel li s-sess hu pjaċir ħafif bi ftit responsabbiltà, u mbagħad, lill-omm li tinqabad, tħalliha għal riħha, tistigmattizzaha jew toffrilha l-abort, rimedju bla kompassjoni.
B’xorti tajba ġa għandna min qed jgħin b’servizzi li jgħannqu l-omm, u jgħannqu t-tarbija. Dawn nirringrazzjawhom mill-qalb, bħalma nirringrazzjaw lil kull min jaħdem f’dan il-qasam. Imma kulħadd għandu d-dmir li jgħin u jsaħħaħ kull servizzi u protezzjoni favur l-omm u t-tarbija, kemm min hu Nisrani, kemm min mhuwiex. Għax il-kompassjoni, bilanċjata, bla diskriminazzjoni u ġenwina, hi marka ta’ ċiviltà umana, ċiviltà li lkoll huwa dmirna li nħarsuha u nsaħħuha.
Leave a comment