Iddispjaċiehom li Għamlu l-Abort

L-Orizzont  –  It-Tlieta – 1-9-2020  

minn Tony Mifsud, Koordinatur, Malta Unborn Child Platform

Nancy Flanders ta’ Live Action fil-USA tgħid li  bħala soċjetà qegħdin inkunu bombardati il-ħin kollu bi kliem favur l-abort u li f’certi cirkostanzi l-abort huwa bżonnjuż. L-abort m’hu qatt ħaġa tajba. Tkun qed toqtol tarbija fil-ġuf u tħalli omm għal għomorha kollu bir-rimors li kienet hi stess li neħħiet il-ħajja tat-tarbija fil-ġuf tagħha. Hawn qed jinġiebu d-dispjaciri ta’ seba’ ommijiet li għamlu l-abort. 

Lori Nerad li kienet president nazzjonali ta’ għaqda ta’ nisa li għamlu l-abort tgħid: ”Ġimagħtejn wara li għamilt abort erġajt bdejt inħoss l-uġigħ tat-tqala u  mort, bi tbatija, fil-kamra tal-banju. Hemmhekk, b’żewġi ħdejja, neħħejt biċċa mit-tarbija li kont abortejt li t-tabib li għamilli l-abort kien ħalla ġewwa. Kienet ras it-tarbija tiegħi. Illum inqum bil-lejl u dejjem jidhirli li qed nisma’ t-tarbija tiegħi tibki. Għadni sal-lum noħlom ikrah li qed niġi mġiegħla nara lit-tarbija tiegħi qed tiġi mqattgħa biċċiet quddiem għajnejja. Illum ma nistax ngħaddi mingħajr it-tarbija tiegħi. Inqum ta’ spiss inkun irrid innaddaf u nlibbes it-tarbija tiegħi u nħaddanha miegħi.”  

Ashley Granger, miżżewġa u omm tgħid:  “Illum li ibni għandu erba’ snin kultant inħares lejn wiċċu sabiħ u nibda nimmaġina x’fattezzi kien ikollha it-tarbija l-oħra tiegħi. Illum għadni noħlom li qed inżomm it- tarbija f’idejja u tagħmilni verament qalbi sewda naħseb li lil ibni ċaħħadtu minn oħtu jew ħuh. Forsi tgħiduli għaliex ma terġax tipprova toħroġ tqila. Kieku jien hekk nixtieq imma żewġi u jien ilna nippruvaw  nerġgħu nikkonċepixxu tarbija għal sentejn u nofs sħaħ. Qatt ma kont nobsor li mhux se nkun nista’ nerġa’ nwelled tarbija meta inkun irrid jien. Meta nħares lura nara li l-abort mhix soluzzjoni ħafifa jew u lanqas ma hija soluzzjoni. L-abort huwa l-problema.” 

Katrina Fernandez kittieba tgħid:  “Jien qtilt tnejn minn uliedi. Sraqt lill-ġenituri tiegħi min-neputijiet tagħhom u qtilt l-aħwa ta’ ibni. Dawn l-aborti ikkawżawli direttament kondizzjoni li jgħidulha “incompetent cervix” li wasslet biex meta erġajt ħriġt tqila erġajt wellidt ħafna qabel iż-żmien tant li ibni miet ġimgħa wara, b’ħafna tbatija għalih. It-tbatija li għaddejt minnha u li jien stess ikkaġunajt lil ħaddieħor hija bla qies, u s-sens ta’ ħtija kważi wassalni nagħmel suwiċidju.” 

Beatrice Fedor Membru tal-Kampanja “Silent no More” iżżid: ”Neħħejt it-tarbija tiegħi billi ifflaxxjajtha fit-toilet. Għalija kienet xi ħaġa tal-biża’.  U xorta bqajt ma ggradwajtx. Ilni dsatax-il sena u bqajt mingħajr ma ggradwajt. Seba snin wara erġajt kont tqila.  Il-missier kellu snin id-doppju tiegħi u kien jabbuza minni. L-abort għalija kien is-soluzzjoni l-ħafifa biex nipproteġi lili nnifsi u lit-tarbija tiegħi mill-abbużi. Għalhekk mort ġo klinika u b’ansjetà kbira raqqduni. Meta qomt, bid-demm nieżel ma’ saqajja, infqajt nibki u ħadd ma seta’ jikkunslani.  Dħalt aktar u aktar f’dipressjoni u f’ħafna ħsibijiet  li nagħmel suwiċidju. 

Wara li ltqajt mar-raġel li għandi bħalissa kont għadni imweġġgħa.  Meta kont tqila fl-ewwel tarbija tagħna l-aborti li kont għamilt reġgħu telgħu fil-wiċċ u s-sens ta’ ħtija kiber aktar ġo fija. Mort għal counselling u bdejt  inħossni aħjar. ‘Il quddien wasalt biex ħfirt lili nnifsi u sibt il-paċi. L-abort kien jidher għalija bħala l-ħruġ tiegħi minn żewġ kriżijet… imma spiċċa biex kien kwazi kissirni.”  

Jewels Green li kienet taħdem fi klinika tal-abort tgħid: ”Wara disa’ ġimgħat u nofs tqala għamilt  abort. Kien kważi qatilni. Le, mhux il-procedura kirurġika, imma dak li kont bdejt inħoss wara. Ippruvajt inneħħi ħajti b’idejja tliet darbiet wara li għamilt l-abort u wara spiċċajt f’sala ta’ sptar psikjatriku għal xahar biex nirkupra. Ma kienet ħaġa faċli xejn. Kont nara t-tarbija li kont abortejt f’kull flixkun  li kien ikun fih biċċiet tat-trabi li kienu ġew abortiti.” 

Abby Johnson li qabel kienet membru ta’ Planned Parenthood, l-akbar industrija tal- abort fil-USA tgħid:  ”Darba, waqt li kont qed insuq, it-tifla tiegħi staqsietni jekk ghadx xi darba tara lil ħutha fil-Ġenna. Staqsejtha x’riedet tgħid biha..bl-akbar onestà…filwaqt li ttamajt li ma kinitx qed titkellem fuq iż-żewg trabi li kont abortejt.  Qalti li hi kienet taf li jien kont abortejt żewġ trabi u riedet tkun taf jekk xi darba kinitx se titlaqa’ ma’ dawn dawn it-trabi għax qaltli: “Kieku taf kemm nimmissjahom.” Qatt ma kienet għaddietli minn rasi li kont se nikkawza tant uġigħ ta’ qalb lil uliedi. Meta għamilt l-aborti qatt ma tajt każ kif dan kien se jaffettwa lil oħrajn. Qatt ma ħsibt kif kien se jaffettwa lil uliedi futuri. Qatt ma ħsibt kif kont se nispjega l-egoiżmu tiegħi lilhom.” 

Jekk int li qed tgħix f’Malta qed taħseb biex tagħmel abort, jew qiegħda tissielet miegħek innifsek minħabba l-abort li għamilt ikkontattja lil Dar Tgħanniqa t’Omm  Lifeline 2033 0033 il-Mosta jew Dar Ġużeppa Debono, Għawdex, Tel 2155 2595,  żewġ għaqdiet fil-Moviment Favur il-Ħajja Umana mill-Konċepiment.

Leave a comment