1 ta’ Marzu 2022
Lill-Partiti Politici Maltin – għall-Manifest Elettorali tagħhom
Fl-okkażoni tal-Elezzjoni Ġenerali tas-Sibt 26-3-2022
Inħarsu l-ewewel ambjent għall-bniedem: il-ġuf
——————————————————————-
1. Madwar Malta kollha hawn evidenza ċara li l-poplu Malti qed jaħdem ħafna biex ikun imħares u mtejjeb l-ambjent.
2. Tajjeb li nirriflettu li l-ewwel ambjent li jsib ruħu fih il-bniedem mhux dak ta’ meta jitwieled. L-ewwel ambjent għall-bniedem huwa l-ġuf tal-omm.
3. Dan sar magħruf, u qed jingħad minn ħafna xjenzjati, skulari u għaqdiet internazzjonali, kif innota l-Malta Unborn Child Platform minn meta twaqqaf fl-2003.
4. Il-Platform qed jissuġġerixxi lill-partiti politici Maltin li għandhom iwessgħu l-ħarsa tagħhom dwar l-ambjent billi jibdew jinkludu wkoll l-ewwel ambjent għall-bniedem, jiġifieri l-ġuf tal-omm. Għandhom jimxu ukoll biex jibda jkollna politika nazzjonali dwar l-Ekoloġija tal-Ġuf. Il-partiti politiċi għandhom jibdew idaħħlu l-Ekoloġija tal-Ġuf fil-“policies” tagħhom u anki fil-Manifest Elettorali tagħhom.
5. F’Malta hawn pożizzjoni unika li m’hemmx bħalha f’pajjiżi oħra tad-dinja. Iż-żewġ partiti politiċi ewlenin u kwazi l-partii l-oħra kollha jiddikjaraw li huma favur il-ħajja mill-konċepiment u kontra l-abort. Il-Malta Unborn Child Platform qed jissuġġerixxi, u jagħmel proposta, biex Malta issir wkoll Ċentru Mediterranju tal-Ekoloġija tal-Ġuf. Il-partiti politici jistgħu jikkontribwixxu ħafna għal dan il-għan kemm meta jkunu fil-gvern u anki meta ma jkunux.
6. Il-Platform qed jaħdem biex din l-idea issir realtà. Għamel kuntatti ma’ erba għaqdiet internazzjonali dwar il-psikoloġija u l-mediċina ta’ qabel u matul it-tqala li jinsabu l-Ġermanja, l-Iżvizzera, Spanja u l-Istati Uniti tal-Amerika. Tlabna l-kooperazzjoni u l-kollaborazzjoni tagħhom biex din l-idea issir realtà u dawn offrewhielna. Qegħdin fl-istadju li nsibu l-aħjar mezz kif nikkollaboraw. Dawn l-għaqdiet diġa mxew ħafna fuq l-Ekoloġija tal-Ġuf. Il-motto tagħhom huwa: “Womb Ecology in World Ecology”.
7. Teżisti ħafna evidenza xjentifika li l-użu ħażin u l-abbuż tax-xorb alkoħoliku, id-drogi u t-tabakk mill-ġenituri tat-trabi fil-ġuf tal-omm, kemm qabel u, agħar, waqt it-tqala, jagħmlu ħsara fiżika, mentali u emozzjonali lit-tarbija fil-ġuf tal-omm. L-istess ħsara jagħmluha l-emissjonijiet kimiċi u tossiċi li jinbilgħu mill-arja mill-ommijiet u l-missirijiet, u madwar 200 miljun tarbija fil-ġuf tal-omm madwar id-dinja kollha kull sena, inklużi madwar 4000 tarbija fil-ġuf tal-omm, kull sena, fil-Gżejjer Maltin.
8. Jiġri l-istess meta l-ġenituri tat-trabi fil-ġuf tal-omm jkunu esposti għall-kimiċi u sustanzi tossiċi fuq il-postijiet tax-xogħol. Ambjent ieħor importanti ħafna.
9. Din il-ħsara se titkompla jekk ma ssirx kampanja hawn Malta, u anki mondjali, li tiddikjara li s-saħħa fiżika, mentali u emozzjonali tat-tarbija fil-ġuf tal-omm qed jolqtuha ħafna minn dawn l-effetti negattivi tal-ambjent. Dan kollu qed jaffettwa ħażin ħafna l-fertilità umana mad-dinja kollha, inkluż Malta
10. L-ISPM, l-Għaqda Internazzjonali għall-Psikologija u l-Medicina ta’ Qabel u Matul it-Tqala, waħda mill-erba’ għaqdiet internazzjonali li qed jaħdem magħhom il-Platform – li taħdem ħafna fuq l-ewwel fażi tal-iżvilupp uman – tikkonsidra l-ewwel stadji tal-ħajja bħala l-ewwel pożizzjoni ekoloġika tal-bniedem u l-ġuf bħala l-ewwel ambjent ekoloġiku. It-tqala hi meqjusa bħala l-perjodu fejn ikun hemm djalogu attiv u kontinwu bejn t-tarbija fil-ġuf, l-omm u l-ambjent psiko-socjali tagħha.
11. Teżisti evidenza xjentifika ukoll li l-qalb tat-tarbija fil-ġuf tħabbat aktar meta l-omm tkun għaddejja minn stress waqt it-tqala.
12. Il-Platform huwa kontra l-abort għax iqisu bħala l-qtil deliberat tat-trabi fil-ġuf.
13. Il-partiti politiċi għandhom ikomplu jżommu l-qagħda tagħhom kontra l-abort minkejja kull pressjoni, tiġi minn fejn tiġi. Dan ukoll għax il-maġġoranza kbira ħafna tal-poplu Malti qiegħda turi dejjem li hija kontra l-abort. Għandhom ukoll isostnu din il-pożizzjoni tagħhom favur il-ħajja u kontra l-abort fil-Manifest Elettorali, fil-letteratura elettorali l-oħra u fid-diskorsi tal-mexxejja.
14. Għandhom jitkattru aktar u jitjiebu s-servizzi, kemm tal-gvern u kemm tal-għaqdiet voluntarji, li jingħataw lill-ommijiet li jkunu qed jikkontemplaw jagħmlu l-abort. Dan huwa servizz essenzjali ħafna għan-nisa fis-sitwazzjonijiet diffiċli li jkunu fihom.
15. Niftakru dejjem li dan huwa ukoll indikat fil-Konvenzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal tan-Nazzjonijiet Uniti maħruġa fl-20 ta’ Novembru 1989, li Malta wkoll iffirmat, li “it-tarbija, minħabba l-immaturità fiżika u mentali tiegħha, teħtieġ salvagwardji u attenzjoni speċjali, inkluż ħarsien legali xieraq, qabel, kif ukoll, wara t-twelid.”■
Leave a comment